Hekk kif nipprova norqod nara dwal sofor,
U nibda ntenni bl-leħen maħnuq fl-irqad:
“Stenna, stenna ftit,
L-għodwa tkun aħjar minn flgħaxija!”
Iżda anke filgħodu xejn ma jkun sew,
Ma jkunx hemm dak ix-xalar:
Jew tpejjep fuq l-istonku vojt,
Jew terġa’ tixrob wara lejl xorb ta’ qabel.
Fit-taverni hemm damiġġjana ħadra,
Srievet bojod, -
Ġenna għall-foqra u l-buffi
Imma jien inkun hemmhekk qisni għasfur ġo gaġġa.
Fil-knisja hemm riħa tinten u dlam,
Id-djakni jdaħħnu bl-inċens...
Le, lanqas fil-knisja xejn ma jkun sew,
Xejn ma jkun kif għandu jkun!
U nitla’ mgħaġġel fuq għolja,
Ħalli ma jinqala’ xejn,
Fuq l-għolja hemm l-alnu,
U taħt l-għolja hemm is-siġra taċ-cirasa.
Imqar kieku xi liedna kienet ixxebilket mal-ġenb tagħha,
Ukoll kienet tkun ferħa għalija,
Jew imqar xi ħaġa oħra...
Xejn ma jkun kif għandu jkun!
U mort fil-bur maġenb ix-xmara:
Dawl hemm kemm ħalaq Alla iżda m’hemmx Mulej!
Fil-beraħ tal-kampanja jikbru ċentawriji,
Triq twila.
Maġenb it-triq hemm bosk folt
Bi nisa sħaħar xjuħ,
U fit-tarf tat-triq
Ikun hemm blokka njam bl-imnanar.
Xi mkien iż-żwiemel qed jiżfnu b’ritmu wieħed,
Kontra l-qalb u bil-ħlewwa.
Maġenb it-triq xejn ma jkun sew
Imma fit-tarf tagħha - inqas u inqas.
La knisja u lanqas taverna,
Xejn ma jkun qaddis!
Le, nies, xejn mhu sew!
Xejn mhu sew, nies...
|